Adrian Grima – Roazemarynblêd
Roazemarynblêd
Adrian Grima
Qallha l-klin kollox.
Roazemarynblêd.
Weraq tal-klin.
Ferrxu fil-wiċċ u ħallih jiżżagħbel hemm,
ġol-infern.
Għax mhux bħaż-żejt taż-żebbuġa l-klin,
mhux bħall-melħ l-oħxon,
mhux bħall-ħin maqbud f’mitejn grad
wara ħġieġa apposta
biex tbaskat dawn l-affarijiet.
Mhux bħall-basla mqattgħa l-klin,
jekk ittiha l-lala tibqa’ tqarmeċ,
jekk tbaskatha tintelaqlek żaqqha ’l fuq.
Jiflaħ għalih l-infern.
Joħroġ sħiħ,
moħħok mistrieħ.
Patata mingħajr klin
qisha ħin mingħajr bnedmin.
Hekk qallha,
ħin mingħajr bnedmin.
Bla ma taf kif telgħetilha fawra,
riedet tbaskat il-ħin,
tqarmċu,
jew tqiegħdu fuq nar bati,
tqallih.
Għax fis-sawna dil-patata
daharha mgħotti, żaqqha barra,
għandha l-qoxra qed tinxtewa
qed titqarqaċ, qed tintefaħ,
imma tibqa’ żżomm mal-qalba
ħoxna u ratba.
Tfuħ bil-klin u bl-imbarazz
mill-bottijiet u mill-vażetti
li jitfgħalha.
Ma jkunx irid jitfa’ bl-addoċċ
imma ma jtihx.
Issa mhux hawn qegħdin?
Qallha tħallihiex fil-forn meta titfih,
għax tinħataf.
U bla ma tħares lejn il-ħin
jew tittawwal minn ġol-ħġieġa
għadha mdennsa b’dak il-fwar qalil
taż-żejt imqabbad magħha,
taqbad l-id ikkuttunata,
iddawwarha mad-dixx
u toħroġ il-ġojja minn ġol-infern
ħa dduq il-ġenna.
“Roazemarynblêd” hija l-kelma għal klin bil-lingwa tal-provinċja tal-Frisja, fl-Olanda, minn fejn nixtru ż-żerriegħa tal-patata u fejn nesportaw il-patata lesta.
Mill-ġabra Klin u Kapriċċi Oħra.
Klabb Kotba Maltin, 2015.
© Adrian Grima. Kull jedd miżmum.
Adrian Grima twieled fl-1968 u huwa attivist, kittieb, poeta kif ukoll għalliem tal-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Speċjalizza fil-metafora u l-preżenza tal-Mediterran fil-letteratura Maltija, żewġ suġġetti li jgħallem fil-Fakultà ta’ l-Arti. Kiseb id-Dottorat, taħt is-superviżjoni tal-Professur Joseph A. Buttigieg u l-Professur Oliver Friggieri, b’teżi dwar ħames metafori li sawru l-immaġinarju nazzjonali fil-letteratura Maltija.
F’Mejju ta’ l-2005, Prof. Grima nħatar Kap tal-Kumitat Tekniku għal-Letteratura mill-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti u ħa ħsieb l-organizzazzjoni ta’ l-ewwel Festival Internazzjonali tan-Novella li sar f’Diċembru. F’Novembru ta’ l-istess sena, mexxa simposju Ewropew dwar il-promozzjoni internazzjonali tal-letteratura li sar f’Malta organizzat minn Inizjamed u Literature Across Frontiers. Adrian Grima huwa l-koordinatur ta’ l-inizjattiva kulturali Mediterranja Inizjamed, organizzazzjoni li waqqaf flimkien ma’ oħrajn fl-1998.
Fl-1999 ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu It-Trumbettier, ġabra ta’ poeziji bil-Malti, flimkien mat-traduzzjonijiet tagħhom bl-Ingliż. B’an il-ktieb Grima rnexxielu jasal fit-tieni post fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta’ poeżija ppubblikati fl-Ewropa fl-1999. F’Diċembru ta’ l-2005 ippubblika The Tragedy of the Elephant, ġabra ta’ poeżiji tradotti għall-Ingliż, fis-sensiela Contemporary Maltese Literature in Translation. It-tieni ktieb ta’ Dr. Grima ħareġ f’Mejju, 2006 u jismu Rakkmu, isem imnebbaħ minn poeżija li tinsab fil-kollezzjoni stess. Dan il-ktieb huwa kollezzjoni ta’ poeżiji miktuba bejn l-1995 u l-2005.
Uħud mill-poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjonijiet fl-Italja, Franza, Ċipru, l-Iżrael, l-Olanda, l-Awstrija, il-Ġermanja, u Korsika, u qara x-xogħlijiet tiegħu f’Malta, Belfast, Ċipru, Delfi, Katanja, Ruma u l-Ħag.
Prof. Grima huwa l-editur ta’ bosta kotba ta’ letteratura kontemporanja bil-Malti. Ipproduċa u ppreżenta wkoll għadd ta’ programmi fuq ir-radju.