Dwar il-Maħżen

Dan is-sit għandu l-għan li jwassal il-poeżija Moderna u Kontemporanja Maltija għand udjenza usa.  Minn studenti tal-iskola sa studenti ta’ livell ħafna iktar avvanzat, minn studjużi tal-ilsien Malti għal dawk li sempliċiment jieħdu pjaċir jaqraw bil-Malti u jixtiequ jsiru jafu iktar dwar kif it-tradizzjoni poetika qed tissawwar.

Minn barra l-poeżiji nfushom, hawnhekk għandek issib il-qari ta’ wħud mill-poeżiji, kemm mill-poeti nfushom kif ukoll minn atturi, ritratti tal-poeti meħuda f’mumenti importanti f’ħajjithom, manuskritti, u anke artikli u intervisti mal-poeti.

Il-proġett għadu fil-fażi ta’ riċerka, u allura l-materjal hu biss kampjun rappreżentattiv tal-poeti Maltin u x-xogħlijiet tagħhom.  Nittamaw li fi żmien qarib ikollna lil kulħadd fuq dan is-sit.

Nota dwar l-użu tal-Malti: minħabba l-mod ta’ kif jaħdem il-WordPress, il-mutur li jħaddem lil dan is-sit, mhux possibbli li jkun hemm kull għażla jew messaġġ miktuba bil-Malti sakemm ma jkunx tradott il-qafas tal-WordPress: biċċa xogħol kbira li tinvolvi eluf ta’ frażijiet. Diġà saru xi sforzi biex iseħħ dan, imma jidher li għadna ‘l bogħod milli jkollna verżjoni tal-WordPress kompletament bil-Malti.