Joseph Buttiġieġ – Fil-Ġnien

Fil-Ġnien
Joseph Buttiġieġ

Hawnhekk l-anġlu jqabbadlek
il-kalċi bejn xofftejk
u jwaħħxek bil-passjoni
waqt waqt quddiem għajnejk.

Hawnhekk min jgħannqek miegħu
ikun qed jittradik;
min jaħlef li se jgħinek
ikun qed iħallik.

Hawnhekk ir-ruħ tixxekkel
bin-ngħas tal-ġisem tqil,
u l-lejl bla ħjiel ta’ qamar
jidhirlek twil u twil.

Hawnhekk Alla jidorbok,
jitilqek bħal mifluġ;
għalhekk dal-qatriet ħomor
mal-art, taħt iż-żebbuġ.

Mill-ġabra Siegħa Vjola.
Joseph Buttiġieġ, 2006.
© Joseph Buttiġieġ. Kull jedd miżmum.


Buttigieg Joseph Qari Mahzen 01 9126 Web
Joseph Buttigieg. Waqt il-qari għal Maħżen Poeżija. Jannar 2019.

Share this Post