Elizabeth Grech – Suwed Għajnejk

Suwed Għajnejk
Elizabeth Grech

Għajnejja maqbuda f’għajnejk.
M’hemmx għalfejn dettalji.
L-istrixxi sfumati
jitkellmu daqs il-linji mħaffra ta’ wiċċek.

Nixtieq innittef waħda waħda
il-memorji ħomor, suwed, ħodor,
inħassar minn moħħok
l-iġsma trabi bla ħajja fuq bajjiet
li għadhom iwaħħxuk.

Nixtieq insejjaħ
il-qamar
nitolbu jferra’ l-abjad isfar tiegħu,
ixellel ix-xquq abbissi
li hemm f’qalbek,
għax naf li taf
li għadhom miftuħa
u l-mappa ta’ pajjiżek
għadha
tiċċarrat.

Nittama li nerġa’ nilmaħ
xi darba
il-ħarsa brikkuna,
il-ħlewwa kalma
li tistaħba
taħt il-guffaġni ta’ jdejk,
taħt it-tikmix ta’ xofftejk,
taħt il-mewġ ta’ ħuġbejk.

Mill-ġabra Bejn Baħar u Baħar.
Merlin Publishers, 2019.
© Elizabeth Grech. Kull jedd miżmum.


Eliizabeth Grech. 2019. Ritratt ta’ Kenneth Scicluna.
Eliizabeth Grech. 2019. Ritratt ta’ Kenneth Scicluna.

Elizabeth Grech hija traduttriċi tal-lingwa Franċiża għall-Ingliż. Taħdem ma’ diversi xjentisti soċjali, għaqdiet non-governattivi, kif ukoll organizzazzjonijiet fil-qasam kulturali u artistiku. Hija konsulenta ma’ CIHEAM (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies), fejn tieħu ħsieb id-dokumenti u pubblikazzjonijiet bil-lingwa Ingliża. Hija wkoll traduttriċi fil-qasam letterarju. Traduċiet ħafna xogħlijiet ta’ artisti Maltin kontemporanji għall-Franċiż fosthom John Aquilina, Clare Azzopardi, Norbert Bugeja, Antoine Cassar u John Portelli. Ħafna minn dawn it-traduzzjonijiet ġew ippubblikati f’kotba, antoloġiji ta’ poeżiji u ġurnali letterarji. Għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena kitbet ħafna poeżija bil-Malti imma huwa biss riċentament li tat id-dawl lil dawn ix-xogħlijiet, b’uħud minnhom jiġu ppubblikati f’antoloġiji. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha dehret f’Jannar 2019 bit-titlu bejn baħar u baħar (Merlin Publishers). Iktar tard din is-sena, din l-istess ġabra se tiġi ppubblikata bit-Taljan minn Capire Edizioni (Forlì, l-Italja). Elizabeth Grech qrat ix-xogħlijiet tagħha f’diversi festivals u avvenimenti letterarji, fosthom il-Festival Internazzjonali tal-Poeżija f’Sidi Bou Saïd, it-Tuneżija u l-Manifestazzjoni Internazzjonali Litterarja f’Tetova, il-Maċedonja.

https://unemeretlautre.com

Share this Post