Elizabeth Grech – Sħab Ġdid

Sħab Ġdid
Elizabeth Grech

Għal mument wieħed biss,
intlaqt fl-erbgħa u għoxrin sena
tiegħek
bl-erbgħin kollha tiegħi.
Ħallejt leħen taqtir ix-xita
imewwiġni mal-melodija
li ħarġet mill-fond t’għajnejk.

Għal mument,
sirt eħfef mill-arja.
Ħallejtek tbandalni
fuq sħab ġdid.

Miktuba fl-2018.
© Elizabeth Grech. Kull jedd miżmum.


Eliizabeth Grech. 2019. Ritratt ta’ Kenneth Scicluna.
Eliizabeth Grech. 2019. Ritratt ta’ Kenneth Scicluna.

Elizabeth Grech hija traduttriċi tal-lingwa Franċiża għall-Ingliż. Taħdem ma’ diversi xjentisti soċjali, għaqdiet non-governattivi, kif ukoll organizzazzjonijiet fil-qasam kulturali u artistiku. Hija konsulenta ma’ CIHEAM (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies), fejn tieħu ħsieb id-dokumenti u pubblikazzjonijiet bil-lingwa Ingliża. Hija wkoll traduttriċi fil-qasam letterarju. Traduċiet ħafna xogħlijiet ta’ artisti Maltin kontemporanji għall-Franċiż fosthom John Aquilina, Clare Azzopardi, Norbert Bugeja, Antoine Cassar u John Portelli. Ħafna minn dawn it-traduzzjonijiet ġew ippubblikati f’kotba, antoloġiji ta’ poeżiji u ġurnali letterarji. Għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena kitbet ħafna poeżija bil-Malti imma huwa biss riċentament li tat id-dawl lil dawn ix-xogħlijiet, b’uħud minnhom jiġu ppubblikati f’antoloġiji. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha dehret f’Jannar 2019 bit-titlu bejn baħar u baħar (Merlin Publishers). Iktar tard din is-sena, din l-istess ġabra se tiġi ppubblikata bit-Taljan minn Capire Edizioni (Forlì, l-Italja). Elizabeth Grech qrat ix-xogħlijiet tagħha f’diversi festivals u avvenimenti letterarji, fosthom il-Festival Internazzjonali tal-Poeżija f’Sidi Bou Saïd, it-Tuneżija u l-Manifestazzjoni Internazzjonali Litterarja f’Tetova, il-Maċedonja.

https://unemeretlautre.com

Share this Post