Elizabeth Grech – Int
Int
Elizabeth Grech
Int il-baħar
jilgħab b’xufftejħ
ma’ kuxtejja.
Il-baħar li jfassal
imħabba gdida
f’laħmi.
Int is-sema li jimlieni
b’arja ħafifa
li tħallini ntir
Int l-art li tnibbet
żerriegħa verġni
ġo fija.
Miktuba fi Frar tal-2019.
© Elizabeth Grech. Kull jedd miżmum.
Elizabeth Grech hija traduttriċi tal-lingwa Franċiża għall-Ingliż. Taħdem ma’ diversi xjentisti soċjali, għaqdiet non-governattivi, kif ukoll organizzazzjonijiet fil-qasam kulturali u artistiku. Hija konsulenta ma’ CIHEAM (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies), fejn tieħu ħsieb id-dokumenti u pubblikazzjonijiet bil-lingwa Ingliża. Hija wkoll traduttriċi fil-qasam letterarju. Traduċiet ħafna xogħlijiet ta’ artisti Maltin kontemporanji għall-Franċiż fosthom John Aquilina, Clare Azzopardi, Norbert Bugeja, Antoine Cassar u John Portelli. Ħafna minn dawn it-traduzzjonijiet ġew ippubblikati f’kotba, antoloġiji ta’ poeżiji u ġurnali letterarji. Għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena kitbet ħafna poeżija bil-Malti imma huwa biss riċentament li tat id-dawl lil dawn ix-xogħlijiet, b’uħud minnhom jiġu ppubblikati f’antoloġiji. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha dehret f’Jannar 2019 bit-titlu bejn baħar u baħar (Merlin Publishers). Iktar tard din is-sena, din l-istess ġabra se tiġi ppubblikata bit-Taljan minn Capire Edizioni (Forlì, l-Italja). Elizabeth Grech qrat ix-xogħlijiet tagħha f’diversi festivals u avvenimenti letterarji, fosthom il-Festival Internazzjonali tal-Poeżija f’Sidi Bou Saïd, it-Tuneżija u l-Manifestazzjoni Internazzjonali Litterarja f’Tetova, il-Maċedonja.
https://unemeretlautre.com