Rena Balzan – Lill-Qamar Kwinta

Lill-Qamar Kwinta
Rena Balzan

Naf li int fqajjar mingħajr ħjiel ta’ ħajja
w li d-dawl li tarmi lewn il-fidda msawwar
lilek misluf minn ħliqa aktar setgħana;
l-ebda illużjoni ma baqagħli dwarek
għax issa nafek sewwa w m’għadnix narak
tihna u tħuf fid-dawl tal-fantasija;
‘mma kif fil-għoli nilmħek qamar kwinta
issebbaħ is-smewwiet f’lejla sajfija,
ninsa dak kollu li kont għidtlek qabel
u terġa’ qalbi tfur bil-poeżija.

B’dedika lill-istudenti kollha li studjawha għall-eżami tal-MATSEC.

Mill-ġabra ta’ poeżiji u novelli, Ilwien Moħbija.
Rena Balzan, 1973.
© Rena Balzan. Kull jedd miżmum.


Rena Balzan. Ritratt ta' Mario Mintoff.
Rena Balzan. Ritratt ta’ Mario Mintoff.

Rena Balzan hija poeta u rumanziera stabbilita Maltija. Hija ppubblikat erba’ rumanzi bil-Malti: Fil-Firda l-Għażla (1981); Il-Ħolma Mibjugħa (1982); Ilkoll ta’ Nisel Wieħed (l-1el edizzjoni, 1987, it-2ni edizzjoni, 1988); u Fiż-Żifna tal-Ibliet (1995). Ir-rumanz Ilkoll ta’ Nisel Wieħed ġie maqlub għall-Inqliż minn Antoinette Pace u ġie ppubblikat fl-Istati Uniti bit-titlu Bonds in the Mirror of Time (2014). Hija ppubblikat ukoll ġabra ta’ poeżiji u stejjer qosra taħt it-titlu Ilwien Moħbija (1973), kif ukoll kienet ko-awtriċi f’żewġ ġabriet ta’ poeżija bit-titlu Turġien (1983) u Alfa (2000). Uħud mill-poeżiji tagħha ġew tradotti għall-Ingliż, Franċiż, Taljan u Ġermaniż.

Rena Balzan ippubblikat ukoll diversi xogħlijiet xjentifiċi f’ġurnali riveduti inter pares. Hija ggradwat fil-Farmaċija mill-Università ta’ Malta; speċjalizzat fil-Ġenetika fl-Università tal-Istat ta’ Milan, l-Italja, u kisbet dottorat fil-Bioloġija Bioteknoloġika/Molekulari mill-Università ta’ Cranfield, tar-Renju Unit. Għal ħafna snin ħadmet ta’ Professur Assoċjat fil-Bioloġija Ġenetika u Molekulari fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurgija. Fil-preżent qiegħda taqdi r-rwol ta’ Konsulent Superjuri tar-Riċerka fl-istess Fakultà.

Share this Post