Rena Balzan – Forsi

Forsi
Rena Balzan

Forsi dawk li bħali
jterrqu fil-labirinti kumplessi
w jixxabbtu mat-tliegħi weqfin
tal-bijoloġija molekulari
jifhmuni
u jifhmu ‘l għaliex bħal tifla żgħira
nissaħħar il-ħin kollu
quddiem il-ħolqien tiegħek.
Mill-iċken fjura daħkana
sa l-ikbar siġra fuqana tgħaġġibni
bil-qawwa melliesa ta’ driegħek
u bl-intensità niffieda ta’ ħsiebek
Ħallieq u Inġinier ta’ ħila.

Din il-poeżija titratta dwar ix-xogħol tiegħi fix-xjenza u fl-istess waqt għandha wkoll l-għamla ta’ talba.

Mill-ġabra Alfa.
Rena Balzan, Charles Caruana, Ġorġ Peresso, u Salv Sammut, 2000.
© Rena Balzan. Kull jedd miżmum.


Rena Balzan. Ritratt ta' Mario Mintoff.
Rena Balzan. Ritratt ta’ Mario Mintoff.

Rena Balzan hija poeta u rumanziera stabbilita Maltija. Hija ppubblikat erba’ rumanzi bil-Malti: Fil-Firda l-Għażla (1981); Il-Ħolma Mibjugħa (1982); Ilkoll ta’ Nisel Wieħed (l-1el edizzjoni, 1987, it-2ni edizzjoni, 1988); u Fiż-Żifna tal-Ibliet (1995). Ir-rumanz Ilkoll ta’ Nisel Wieħed ġie maqlub għall-Inqliż minn Antoinette Pace u ġie ppubblikat fl-Istati Uniti bit-titlu Bonds in the Mirror of Time (2014). Hija ppubblikat ukoll ġabra ta’ poeżiji u stejjer qosra taħt it-titlu Ilwien Moħbija (1973), kif ukoll kienet ko-awtriċi f’żewġ ġabriet ta’ poeżija bit-titlu Turġien (1983) u Alfa (2000). Uħud mill-poeżiji tagħha ġew tradotti għall-Ingliż, Franċiż, Taljan u Ġermaniż.

Rena Balzan ippubblikat ukoll diversi xogħlijiet xjentifiċi f’ġurnali riveduti inter pares. Hija ggradwat fil-Farmaċija mill-Università ta’ Malta; speċjalizzat fil-Ġenetika fl-Università tal-Istat ta’ Milan, l-Italja, u kisbet dottorat fil-Bioloġija Bioteknoloġika/Molekulari mill-Università ta’ Cranfield, tar-Renju Unit. Għal ħafna snin ħadmet ta’ Professur Assoċjat fil-Bioloġija Ġenetika u Molekulari fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurgija. Fil-preżent qiegħda taqdi r-rwol ta’ Konsulent Superjuri tar-Riċerka fl-istess Fakultà.

Share this Post