Joseph Buttiġieġ – Waqt
Waqt
Joseph Buttiġieġ
Hawn isfel
jintaxru s-sekondi
ma’ kull fergħa u blata mdarrsa
bħall-arloġġi ta’ Dalì.
Ebda werqa ma titħarrek,
ebda ħoss.
Wieqfa zoptu f’nofs inżulha
l-għabra tgħammex
fi swaba’ ta’ dawl.
Waqt limpidu –
sa ma jfaqqa’ t-trabokk lejli
fuq dal-ħondoq
ikkattiżmat.
Miktuba fl-2014.
© Joseph Buttiġieġ. Kull jedd miżmum.
![Buttigieg Joseph Qari Mahzen 01 9126 Web](http://www.kitba.org/wp-content/uploads/2019/07/Buttigieg_Joseph_Qari-Mahzen_01_9126_Web-1024x683.jpg)