Immanuel Mifsud – Balada Para Mi Muerte (b’apoloġija lil Horacio Ferrer)…

Balada Para Mi Muerte (b’apoloġija lil Horacio Ferrer)
jew Ftit Qabel Ma Jmut Proletarju Min-Nofsinhar
jew aħjar Kif Taħli Ż-Żmien Fil-Vaganzi Tal-Milied Meta Suppost Qed Taħdem
Immanuel Mifsud

Ftit qabel ma jtini l-aħħar attakk
naqbeż qabża sal-pjazza minn fejn bdejt
ħa nidħol sal-każin inxomm ir-riħa
ta’ dħaħen qodma u ta’ bewl fil-loki;
ħa npejjep l-aħħar sigarett u nieħu
l-aħħar kafè vojt, l-aħħar te bil-lumi,
u nħallas l-aħħar wiski lil min jiġi
iferra’ d-dwejjaq l’għandu ma’ tal-bar.

Dawk il-vopi marsusa koħol koħol;
ix-Xlukkajra ta’ sidirha kbir trewwaħ
ħa tkeċċi d-dbieben minn fuq il-kavetti;
il-banju taż-żingu mimli qarnit.
Xmun tar-riċipetti jdendel il-qliezet
lewn il-kafè bil-ħalib, lewn il-ġilda.
Katrin tal-imluħa: kejla kappar,
żebbuġ mill-morr fiż-żejt u ġardiniera.
Ġorġ tal-ħaxix, jaħxi fl-użin kemm jiflaħ,
bin-nisa b’seba’ għajnejn jgħajtu madwaru.
Żeżina tixħet il-qaqoċċ fil-qoffa
u tbewweġ ’l hemm mingħajr ma ħadd jinduna.
 
Ftit qabel l-aħħar nifs it-telgħa twila
sa quddiem l-iskola. Fil-bitħa l-kbira
miġbura lkoll flimkien għall-innu Malti;
ngħannuh bla gost, bla ferħ lil din l-art ħelwa;
għajnejna kullimkien ħlief mal-bandiera
li titla’ ’l fuq bl-iskossi w b’rasha ’l isfel.
Ewġenja tistaqsini iniex ma’ Mintoff,
għandniex it-torċa taqbad ġol-intrata,
inkella aħniex mal-barri Olivier.
Wiċċ Franky kollu ngħas u madwar ħalqu
il-fdal ta’ xiwja ħobż u tal-butir.
Imbagħad Kristina: trejjaħ is-sapun,
bil-malji marbutin biż-żigarella
kulur is-sema qabel titla’ x-xemx.
 
Fit-toroq u d-djar koroh ta’ tfuliti …
bankini imkissrin u ħofor fondi,
il-ħmieġ tal-klieb li dejjem jiġru barra,
jinbħulek, jistennewk fil-kantunieri.
Il-Ħdud tal-proletarji kollha birra,
biċċiet tal-ħobż biż-żejt u l-karawett;
iċ-ċajt fuq nisa għarwenin u l-pufti;
id-dagħa li jniżżel ’l Alla mis-smewwiet.
 
Bl-istonku jgħum bil-Lager u bil-Hop Leaf,
dal-Ħadd qabel itini l-attakk kbir,
ħa nqattgħu f’dan il-misraħ mal-ministru
li ġie jindokra l-merħla biex jiżgura
li n-numru wieħed se jħażżuh ħdejn ismu.
Kulħadd joffrilu grokk ħa jidher ħelu
avolja l-but ħafif bħalma kien dejjem,
kuntrarju għall-ministru l’alla jbierku
avvanza bħalma jagħmlu il-ħabrieka,
avvanza w hekk jistħoqqlu għax minn tagħna.
 
Ftit qabel ma tinħass l-għafsa fil-qalb,
joħroġ il-marċ bil-klarinetti jwerżqu,
il-platti jħabbtu mġenġla mal-katuba,
il-bumbardun jilef it-temp u jfixkel
lill-kurunetti. ’mm aħna x’jimpurtana?
Sakemm iz-zinn zinn zinn jakkumpanjana
u jqabbeż lil Marisa u ’l kulm’ għandha
miġbur taħt il-flokk imxarrab kollu birra
… iss’ aħna x’jimpurtana mill-krexxendi,
mir-re bemoll, l-iskali u l-arpeġġi
sakemm hawn Nina kollha tundjaturi
titlobna wieħed wieħed biex nerfgħuha!
Dil-pjazza kollha ferħ u frattarija,
kuluri u tidlik u kollha żibel …
inħoss il-waqt qed joqrob ħalli nsalpa.
Nofroq mewġiet ta’ nies iwerżqu w jgħajtu
u nimxi lejn in-nofs għall-aħħar ħarsa.
 
Imbagħad, bħal xejn, jimmuta kollox f’daqqa
għajr mota tal-mejtin bħal dik tal-Ġimgħa.
Xi ħadd jgħajjat kemm jiflaħ għax jinduna
li qbadt it-triq li tagħti għal hemm isfel.

Mill-ġabra Madwar Sagħtejn u Nofs ‘il Bogħod mill-Ġenna.
Klabb Kotba Maltin, 2019.
© Immanuel Mifsud. Kull jedd miżmum.


Immanuel Mifsud. 2016.
Immanuel Mifsud. 2016.
Share this Post