Antoine Cassar – Erbgħin Jum – Jum VII

Erbgħin Jum – Jum VII
Antoine Cassar

Ħallik mill-friex imkemmex, insa t-trab,
il-ħwejjeġ itlaqhom jintnu bin-niket
tal-aħħar ġimgħa, erħi l-karti mifruxa
jisfaru mal-weraq niexef li daħal
mill-ħarifa titfartas u ssejjaħlek
minn wara t-tieqa li għadek ma sewwejtx.

Imxi. Saqajk mhux magħmulin biex jibqgħu
imsammra mal-art jew imdendla fl-arja.
L-imgħoddi kultant trid tipposponih.
Imxi. Għaddej il-graw lejn in-nofsinhar
iżd’għadek tqil wisq biex titla’ ttir miegħu.
Għalissa l-ġejjieni itilqu warajk.
Iftaħ bieba fil-jum, lejn art bla isem
fejn l-arloġġ ħadd ma tah li jivvintah.
Imxi. La bil-għaġla, lanqas bil-lajma,
bla ebda sens ta’ kejl jew ta’ distanza,
ma middejtx l-ewwel pass, ma tmiddx tal-aħħar.

Jiena nimxi biex nimxi mhux biex naħrab.
Jiena nimxi biex nimxi mhux biex nasal.
Kun il-mixja biss, kun il-mixja miexja
f’ebda direzzjoni ħlief dik tal-mixja.
Xejn aktar ma jeżisti. Tippruvax
tiftakar fir-raġuni għala tlaqt timxi,
fl-iljieli li għaddew, fin-numru tal-jum,
fit-tpinġija li ħassru minn dal-ħajt,
fil-kelma li kont sibt wara dil-lampa,
fil-qalb maqsuma li dfint taħt dis-siġra,
fil-qawsalla doppja li rajt f’dit-triq,
fil-messaġġ li wasallek fuq l-irdum…

Tard wisq. Il-mixja falliet. Ma mxejt xejn:
intlift fit-tifkiriet, intlift fl-għalfejn…
Arak issa tiġbed lura bħal granċ
tiggranfa mal-ġebel jitfarrak taħtek,
lejn it-trab, lejn is-sħab, lej’ l-mappa t’artek,
lejn id-dejn mal-ġranet kollha moħlija
tul is-sajf li għamiek, tul dil-ħarifa
ddallam ftit ftit l-irkejjen ta’ kamartek.

Li timxi biex ma tħossx mhuwiex possibbli.
Trid timxi biex tgħix, u trid tgħix biex timxi.

Minn Erbgħin Jum.
Ede Books, 2017.
© Antoine Cassar. Kull jedd miżmum.


Antoine Cassar. 2019. Ritratt ta' Virginia Monteforte
Antoine Cassar. 2019. Ritratt ta’ Virginia Monteforte

Antoine Cassar (Londra, 1978) huwa poeta u traduttur. Erbgħin Jum (40 Days, EDE, 2017), poeżija tul ta’ ktieb dwar trawmi tat-tfulija, id-dipressjoni u l-mixi bħala awtoterapija, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u tinsab fix-shortlist tal-European Poet of Freedom Award 2020. Passaport (2009), poeżija stampata f’forma ta’ anti-passaport għal kull poplu u kull pajsaġġ, hija ppubblikata fi 11-il lingwa, u ġiet adattata għall-palk f’Malta, fi Franza u fil-Belġju. Fl-2009, il-kompożizzjoni multilingwi Merħba, a poem of hospitality ngħatat il-United Planet Writing Prize.

Bħala traduttur letterarju, Cassar qaleb ix-xogħol ta’ diversi awturi Maltin, bl-Ingliż (fost l-oħrajn in-novelli ta’ Pierre J. Mejlak, rebbieħ tal-Premju tal-UE għal-Letteratura fl-2014) u bl-Ispanjol (Troyano, ta’ Alex Vella Gera, ġie ppubblikat minn Libros de mentira, iċ-Ċile, f’Mejju 2019).

www.antoinecassar.net / www.passaport.info

Share this Post