Adrian Grima – L-Imħabba l-Kapriċċ

L-imħabba l-kapriċċ
Adrian Grima

Leħnek bejn l-irkiekel.
Fil-waqgħa regolari ta’ mnifsejk,
fil-bogħod, fl-adrenalina,
fl-alġier bit-traċċi mrekkna ġewwa fija.

Nistenna fit-tweġibiet mhux imwieġba,
fiċ-ċinga stirata,
fiċ-ċediment kburi jperper fuq sensazzjoni skura.
Fil-kxif bil-mod minn wara n-nifs,
fil-ġilda għall-ewwel darba.
Is-sentenza sospiża,
iċ-ċinta dejjem imħaxkna mal-ħasda
sakemm fl-aħħar tinqata’.
U taħtha l-ħeffa tal-irkiekel mexjin f’daqqa,
qishom stejjer jiżolqu mdallma.

Għajnejk is-sliem jaqtgħu dehxa f’qaddi,
impressjoni żżiġġ ġol-ġnub u x-xewka irregolari.
Fil-kurvaturi ta’ ħarstek imqallba.
Fin-nokkli ħfief bħal żbrixx.
Fil-muskoli f’dirgħajnek inklinati.
F’kurkett.

Nistennew it-tlissin, 
il-fraġli, il-qrib tant,
il-kważi jinstema’.
Riġlejna stqarrija massiċċa.

Għax l-imħabba l-viċin,
il-minkeb kemm kemm,
il-ġilda taħt abtek stirata.

L-imħabba l-biża’, il-mistħija, 
il-kapriċċ.

L-imħabba n-ninħabbu
l-insaqsu, in-ningħalqu

L-imħabba n-ninfixlu, 
l-irridu.

L-imħabba l-mhix hemm,
il-mhix,
il-kważi

l-imħabba n-ningħelbu.
L-iżbrixx.
L-istasi.

Mill-ġabra Klin u Kapriċċi Oħra.
Klabb Kotba Maltin, 2015.
© Adrian Grima. Kull jedd miżmum.


Grima Adrian Qari Mahzen 01 8946 Web
Adrian Grima. Waqt il-qari għal Maħżen Poeżija. Jannar 2019.

Adrian Grima twieled fl-1968 u huwa attivist, kittieb, poeta kif ukoll għalliem tal-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Speċjalizza fil-metafora u l-preżenza tal-Mediterran fil-letteratura Maltija, żewġ suġġetti li jgħallem fil-Fakultà ta’ l-Arti. Kiseb id-Dottorat, taħt is-superviżjoni tal-Professur Joseph A. Buttigieg u l-Professur Oliver Friggieri, b’teżi dwar ħames metafori li sawru l-immaġinarju nazzjonali fil-letteratura Maltija.

F’Mejju ta’ l-2005, Prof. Grima nħatar Kap tal-Kumitat Tekniku għal-Letteratura mill-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti u ħa ħsieb l-organizzazzjoni ta’ l-ewwel Festival Internazzjonali tan-Novella li sar f’Diċembru. F’Novembru ta’ l-istess sena, mexxa simposju Ewropew dwar il-promozzjoni internazzjonali tal-letteratura li sar f’Malta organizzat minn Inizjamed u Literature Across Frontiers. Adrian Grima huwa l-koordinatur ta’ l-inizjattiva kulturali Mediterranja Inizjamed, organizzazzjoni li waqqaf flimkien ma’ oħrajn fl-1998.

Fl-1999 ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu It-Trumbettier, ġabra ta’ poeziji bil-Malti, flimkien mat-traduzzjonijiet tagħhom bl-Ingliż. B’an il-ktieb Grima rnexxielu jasal fit-tieni post fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta’ poeżija ppubblikati fl-Ewropa fl-1999. F’Diċembru ta’ l-2005 ippubblika The Tragedy of the Elephant, ġabra ta’ poeżiji tradotti għall-Ingliż, fis-sensiela Contemporary Maltese Literature in Translation. It-tieni ktieb ta’ Dr. Grima ħareġ f’Mejju, 2006 u jismu Rakkmu, isem imnebbaħ minn poeżija li tinsab fil-kollezzjoni stess. Dan il-ktieb huwa kollezzjoni ta’ poeżiji miktuba bejn l-1995 u l-2005.

Uħud mill-poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjonijiet fl-Italja, Franza, Ċipru, l-Iżrael, l-Olanda, l-Awstrija, il-Ġermanja, u Korsika, u qara x-xogħlijiet tiegħu f’Malta, Belfast, Ċipru, Delfi, Katanja, Ruma u l-Ħag.

Prof. Grima huwa l-editur ta’ bosta kotba ta’ letteratura kontemporanja bil-Malti. Ipproduċa u ppreżenta wkoll għadd ta’ programmi fuq ir-radju.

Share this Post