Rena Balzan – Il-Ħajt tas-Sejjieħ

Il-Ħajt tas-Sejjieħ
Rena Balzan

Inħares lejh…
                        u jarġa’ jfeġġ quddiemi
il-bidwi mgħakkes, milwi taħt iż-żmien
jinseġ u jdomm bil-laqx li kien ġie mwarrab
il-ħajt li jifred ġidu minn tal-flien.

Inħares lejh…
                        u nilmaħ ħlejjaq ċkejkna
igawdu l-kenn, jistrieħu qalb l-ilwien
li jirqom fih ir-raba’ għammiel u saqwi
f’sakra ta’ benna tfur ma’ kullimkien.

Inħares lejh…
                        u ma narax il-firda
illi ġie mġiegħel juri bla waqfien
għax mingħajr ħjiel ta’ sogħba f’kejl għemilu
inbidel f’bejta rżina tal-ħolqien.

Miktuba fil-31 ta’ Marzu, 1973

Mill-ġabra ta’ poeżiji u novelli, Ilwien Moħbija.
Rena Balzan, 1973.
© Rena Balzan. Kull jedd miżmum.


Rena Balzan. Ritratt ta' Mario Mintoff.
Rena Balzan. Ritratt ta’ Mario Mintoff.

Rena Balzan hija poeta u rumanziera stabbilita Maltija. Hija ppubblikat erba’ rumanzi bil-Malti: Fil-Firda l-Għażla (1981); Il-Ħolma Mibjugħa (1982); Ilkoll ta’ Nisel Wieħed (l-1el edizzjoni, 1987, it-2ni edizzjoni, 1988); u Fiż-Żifna tal-Ibliet (1995). Ir-rumanz Ilkoll ta’ Nisel Wieħed ġie maqlub għall-Inqliż minn Antoinette Pace u ġie ppubblikat fl-Istati Uniti bit-titlu Bonds in the Mirror of Time (2014). Hija ppubblikat ukoll ġabra ta’ poeżiji u stejjer qosra taħt it-titlu Ilwien Moħbija (1973), kif ukoll kienet ko-awtriċi f’żewġ ġabriet ta’ poeżija bit-titlu Turġien (1983) u Alfa (2000). Uħud mill-poeżiji tagħha ġew tradotti għall-Ingliż, Franċiż, Taljan u Ġermaniż.

Rena Balzan ippubblikat ukoll diversi xogħlijiet xjentifiċi f’ġurnali riveduti inter pares. Hija ggradwat fil-Farmaċija mill-Università ta’ Malta; speċjalizzat fil-Ġenetika fl-Università tal-Istat ta’ Milan, l-Italja, u kisbet dottorat fil-Bioloġija Bioteknoloġika/Molekulari mill-Università ta’ Cranfield, tar-Renju Unit. Għal ħafna snin ħadmet ta’ Professur Assoċjat fil-Bioloġija Ġenetika u Molekulari fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurgija. Fil-preżent qiegħda taqdi r-rwol ta’ Konsulent Superjuri tar-Riċerka fl-istess Fakultà.

Share this Post