Nadia Mifsud – M’Għandix Aptit

m’għandix aptit
Nadia Mifsud

m’għandix aptit dalgħodu
id-dbielet qosra
iċ-ċinturini wesgħin
it-tkaken għoljin
iż-żeglig esaġerat
id-daħq sfurzat
l-imsielet tondi kbar
ta’ daż-żewġ tfajliet
jippulċinellaw
fuq l-istejġ tal-isptar

nistagħġeb bija nnifsi
nitkaża b’xufftejhom impittra
jiġġebbdu f’pastażata li ttini ġewwa
u tispiċċa tiċċallas
ma’ lbieshom skullat
f’għajnejja żewġt iblalen ngħas
ħtija tagħhom li l-kliewi ta’ nannti ċedew dal-lejl?
ħtija tagħhom li laħamha sar qisu karta strazza
u s-sigħat tqalu u tgħawġu agonija
ma’ kull tħarħira ta’ nifisha
jisfida pulmun fgat bl-ilma?
ħtija tagħhom li reġa’ sebaħ jum ieħor
minkejja l-lożor bojod stirati ċassi
fuq ġisimha kiesaħ minfuħ?
xi dritt għandi nlumhom?
xi dritt għandi nagħdab għalihom?

xi darba għad jishru anki huma

Mill-ġabra Kantuniera ‘l Bogħod.
Edizzjoni Skarta, 2015.
© Nadia Mifsud. Kull jedd miżmum.


Nadia Mifsud. 2017. Ritratt ta' Emma Mutschler.
Nadia Mifsud. 2017. Ritratt ta’ Emma Mutschler.

Nadia Mifsud twieldet fl-1976. Trabbiet Bormla, kibret San Tumas, u ta’ 22, wara li ggradwat fil-Franċiż, marret tgħix Franza fejn kompliet tistudja l-letteratura.

Tgħallem, tittraduċi, u tikteb kemm il-poeżija u anke l-proża. Xogħlijietha inqalbu għal diversi lingwi, ġiet mistiedna għal għadd ta’ festivals fl-Ewropa, u anke fin-Nicaragua u l-India, u l-poeżiji u n-novelli tagħha dehru f’kull edizzjoni riċenti ta’ Leħen il-Malti.

Pubblikazzjonijiet

  • Ġabriet ta’ poeżiji:
    • żugraga (2009)
    • kantuniera ’l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015)
  • Rumanzi:
    • Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa (Merlin, 2017)
  • Traduzzjonijiet:
    • Je t’ai vu pleurer – traduzzjoni ta’ Fl-Isem tal-Missier, ta’ Immanuel Mifsud (Gallimard, 2011)

Share this Post